close
Aqbeż għall-kontentut

Astrofiżika

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
BERJAYA
Tqabbil tal-bidu tas-seklu 20 tal-ispettri elementari, solari u stellari.

L-astrofiżika hija xjenza li tapplika l-metodi u l-prinċipji tal-fiżika u tal-kimika fl-istudju tal-oġġetti u tal-fenomeni astronomiċi inkluż l-univers.[1][2] Bħala wieħed mill-fundaturi tad-dixxiplina, James Keeler qal li l-astrofiżika "tipprova taċċerta n-natura tal-korpi tas-smewwiet, iktar milli l-pożizzjonijiet jew iċ-ċaqliq tagħhom fl-ispazju — x'inhuma, iktar milli fejn jinsabu", xi ħaġa li tiġi studjata fil-mekkanika ċelestjali.

Fost is-suġġetti studjati hemm ix-xemx (fiżika solari), stilel oħra, galassji, pjaneti ekstrasolari, il-mezz interstellari u l-isfond tal-mikromewġ kożmiku. L-emissjonijiet minn dawn l-oġġetti jiġu eżaminati fil-partijiet kollha tal-ispettru elettromanjetiku, u l-proprjetajiet eżaminati jinkludu l-luminożità, id-densità, it-temperatura u l-kompożizzjoni kimika. Peress li l-astrofiżika hija suġġett wiesa' ħafna, l-astrofiżiċi japplikaw kunċetti u metodi minn bosta dixxiplini tal-fiżika, fosthom il-mekkanika klassika, l-elettromanjetiżmu, il-mekkanika statistika, it-termodinamika, il-mekkanika kwantistika, ir-relattività, il-fiżika nukleari u tal-partikoli, u l-fiżika atomika u molekolari.

Fil-prattika, ir-riċerka astronomika moderna spiss tinvolvi xogħol sostanzjali fl-oqsma tal-fiżika teorika u osservazzjonali. Xi oqsma ta' studju għall-astrofiżiċi jinkludu l-proprjetajiet tal-materja skura, l-enerġija skura, il-ħofor suwed u korpi ċelestjali oħra; u l-oriġini u d-destin aħħari tal-univers. Fost is-suġġetti studjati mill-astrofiżiċi teoriċi hemm ukoll il-formazzjoni u l-evoluzzjoni tas-Sistema Solari; id-dinamika u l-evoluzzjoni stellari; il-formazzjoni u l-evoluzzjoni tal-galassji, il-manjetoidrodinamika; l-istruttura tal-materja fuq skala kbira fl-univers; ir-raġġi kożmiċi; ir-relattività ġenerali, ir-relattività speċjali u l-kożmoloġija kwantistika u fiżika (l-istudju fiżiku tal-istrutturi bl-ikbar skala tal-univers), inkluż il-kożmoloġija lineari u l-fiżika tal-astropartikoli.

L-astronomija hija xjenza tal-qedem, li ilha sseparata mill-istudju tal-fiżika terrestri. Skont il-viżjoni tad-dinja ta' Aristotli, il-korpi fis-sema dehru qishom sferi li ma jinbidlux, b'ċaqliq uniformi f'ċirku, filwaqt li d-dinja terrestri kienet il-post fejn kienu jseħħu t-tkabbir u d-deterjorament u li fiha ċ-ċaqliq naturali kien f'linja dritta u kien jintemm meta l-oġġett li kien ikun qed jiċċaqlaq kien jasal sad-destinazzjoni tiegħu. B'hekk, kien maħsub li r-reġjun ċelestjali kien magħmul minn tip ta' materja differenti għalkollox minn dik fl-isfera terrestri; jew in-nar kif sostna Platun, jew l-Aether kif sostna Aristotli. Matul is-seklu 17, filosfi naturali bħal Galileo, Descartes u Newton bdew isostnu li r-reġjuni ċelestjali u terrestri kienu magħmulin minn tipi simili ta' materjal u kienu soġġetti għall-istess liġijiet naturali. L-isfida tagħhom kienet li l-għodod kienu għadhom ma ġewx ivvintati sabiex bihom imbagħad setgħu juru bil-provi dawn il-ħsibijiet.

Għall-biċċa l-kbira tas-seklu 19, ir-riċerka astronomika kienet iffukati fuq ix-xogħol ta' rutina tal-kejl tal-pożizzjonijiet u tal-kejl taċ-ċaqliq tal-oġġett astronomiċi. Astronomija ġdida, li f'qasir żmien bdiet tissejjaħ astrofiżika, bdiet tfeġġ meta William Hyde Wollaston u Joseph von Fraunhofer skoprew b'mod indipendenti li bid-dekompożizzjoni tad-dawl tax-xemx, għadd ta' linji skuri (reġjuni fejn kien hemm inqas dawl jew l-ebda dawl) ġew osservati fl-ispettru. Sal-1860 il-fiżiku Gustav Kirchhoff u l-kimiku Robert Bunsen kienu wrew li l-linji skuri fl-ispettru solari kienu jikkorrispondu għal linji jgħajtu fl-ispettri tal-gassijiet magħrufa, jiġifieri linji speċifiċi li jikkorrispondu għal elementi kimiċi uniċi. Kirchhoff iddeduċa li l-linji skuri fl-ispettru solari huma kkawżati mill-assorbiment mill-elementi kimiċi fl-atmosfera solari. B'dan il-mod intwera bil-provi li l-elementi kimiċi fix-xemx u fl-istilel kienu jinsabu fid-Dinja wkoll.

Fost dawk li estendew l-istudju tal-ispettri solari u stellari kien hemm Norman Lockyer, li fl-1868 individwa linji radjanti kif ukoll skuri fl-ispettri solari. Flimkien mal-kimiku Edward Frankland investiga l-ispettri tal-elementi f'diversi temperaturi u pressjonijiet, u ma setax jassoċja linja safra fl-ispettru solari ma' xi elementi magħrufa. B'hekk sostna li l-linja kienet tirrappreżenta element ġdid, li sejjaħ elju, għax-xemx ippersonifikata Griega Helios.

Fl-1885, Edward C. Pickering wettaq programm ambizzjuż ta' klassifikazzjoni spettrali stellari fl-Osservatorju tal-Kulleġġ ta' Harvard, fejn tim ta' komputazzjonisti femminili, b'mod partikolari Williamina Fleming, Antonia Maury u Annie Jump Cannon, ikklassifikaw l-ispettri rreġistrati fuq pjanċi fotografiċi. Sal-1890 kien tħejja katalogu ta' iktar minn 10,000 stilla raggruppati fi 13-il tip spettrali. Wara l-viżjoni ta' Pickering, sal-1924 Cannon espandiet il-katalogu għal disa' volumi u iktar minn kwart ta' miljun stilla, u żviluppat l-Iskema tal-Klassifikazzjoni ta' Harvard li ġiet aċċettata għall-użu dinji fl-1922.

Fl-1895, George Ellery Hale u James E. Keeler, flimkien ma' grupp ta' għaxar editur mill-Ewropa u mill-Istati Uniti, stabbilew The Astrophysical Journal: An International Review of Spectroscopy and Astronomical Physics. Kien maħsub li l-ġurnal kien se jimla l-vojt bejn il-ġurnali fl-astronomija u l-fiżika, u jipprovdi lok għall-pubblikazzjoni ta' artikli dwar l-applikazzjonijiet astronomiċi tal-ispettroskopju; għar-riċerka tal-laboratorju alleata mill-qrib mal-fiżika astronomika, inkluż id-determinazzjoni tat-tul tal-mewġ tal-ispettri metalliċi u gassużi u l-esperimenti dwar ir-radjazzjoni u l-assorbiment; għat-teoriji dwar ix-xemx, il-qamar, il-kometi, il-pjaneti, il-meteori u n-nebuli; u għall-istrumentazzjoni għat-teleskopji u l-laboratorji.

Għall-ħabta tal-1920, wara l-iskoperta tad-dijagramma ta' Hertzsprung–Russell li għadha tintuża bħala l-bażi għall-klassifikazzjoni tal-istilel u l-evoluzzjoni tagħhom, Arthur Eddington antiċipa l-iskoperta u l-mekkaniżmu tal-proċessi tal-fużjoni nukleari fl-istilel, fis-saġġ tiegħu Il-Kostituzzjoni Interna tal-Istilel. Dak iż-żmien, is-sors tal-enerġija stellari kien misteru assolut; Eddington spekula sew li s-sors kienet il-fużjoni tal-idroġenu fl-elju, li kienet tillibera enerġija enormi skont l-ekwazzjoni ta' Einstein E = mc2. Dan kien żvilupp partikolarment notevoli peress li dak iż-żmien il-fużjoni tal-ħin u l-enerġija termonukleari, u anke li l-istilel huma komposti fil-biċċa l-kbira mill-idroġenu, kienu skoperti li kienu għadhom ma sarux.

Fl-1925 Cecilia Helena Payne (iktar 'il quddiem Cecilia Payne-Gaposchkin) kitbet teżi influwenti tad-dottorat fil-Kulleġġ ta' Radcliffe, fejn applikat it-teorija tal-jonizzazzjoni ta' Saha għall-atmosferi stellari biex torbot il-klassijiet spettrali mat-temperatura tal-istilel. L-iktar ħaġa sinifikanti kienet li skopriet li l-idroġenu u l-elju kienu l-komponenti prinċipali tal-istilel, u mhux il-kompożizzjoni tad-Dinja. Minkejja s-suġġeriment ta' Eddington, l-iskoperta tant ma kinitx mistennija li l-qarrejja tat-teżi tagħha (inkluż Russell) ikkonvinċewha timmodifika l-konklużjoni qabel il-pubblikazzjoni. Madankollu, ir-riċerka li saret iktar 'il quddiem ikkonfermat l-iskoperta tagħha.

Sal-aħħar tas-seklu 20, l-istudji tal-ispettri astronomiċi kienu espandew biex ikopru t-tul tal-mewġ mill-mewġ tar-radju sal-mewġ ottiku, ir-raġġi X u l-mewġ gamma. Fis-seklu 21, espandew iktar biex jinkludu l-osservazzjonijiet abbażi tal-mewġ gravitazzjonali.

Astrofiżika osservazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
BERJAYA
Il-fdal tas-supernova LMC N 63A b'immaġni bir-raġġi X (blu), bil-mewġ ottiku (aħdar) u bil-mewġ tar-radju (aħmar). Id-dija tar-raġġi X ġejja minn materjal imsaħħan sa madwar 10 miljun grad Ċelsju permezz ta' mewġa ta' xokk iġġenerata mill-isplużjoni tas-supernova.

L-astronomija osservazzjonali hija diviżjoni tax-xjenza astronomika li hija għandha x'taqsam mar-reġistrazzjoni u mal-interpretazzjoni tad-data, b'kuntrast mal-astrofiżika teorika, li b'mod prinċipali għandha x'taqsam mas-sejbien tal-implikazzjonijiet li jistgħu jitkejlu tal-mudelli fiżiċi. Hija l-prattika tal-osservazzjoni tal-oġġetti ċelestjali bl-użu tat-teleskopji u apparati astronomiċi oħra.

L-iżjed osservazzjonijiet astrofiżiċi jsiru bl-użu tal-ispettru elettromanjetiku.

  • Ir-radjoastronomija tistudja r-radjazzjoni b'tul tal-mewġ akbar minn ftit millimetri. Eżempji ta' oqsma ta' studju huma l-mewġ tar-radju, li normalment jiġu emessi minn oġġetti kesħin bħall-gass interstellari u s-sħab tat-trab; ir-radjazzjoni tal-isfond tal-mikromewġ kożmiku li hija d-dawl spostat lejn l-aħmar mill-Big Bang; il-pulsars, li ġew individwati għall-ewwel darba fil-frekwenzi tal-mikromewġ. L-istudju ta' dan il-mewġ jirrikjedi radjoteleskopji kbar ħafna.
  • L-astronimija tar-raġġi infraħomor tistudja r-radjazzjoni b'tul tal-mewġ li huwa twil wisq biex ikun viżibbli bl-għajnejn biss iżda iqsar mill-mewġ tar-radju. L-osservazzjonijiet tar-raġġi infraħomor normalment isiru b'teleskopji simili għat-teleskopji ottiċ familjari. L-oġġetti iktar kesħin mill-istilel (bħall-pjaneti) normalment jiġu studjati fil-frekwenzi infraħomor.
  • L-astronomija ottika kienet l-iżjed tip bikri ta' astronomija. It-teleskopji flimkien ma' apparat akkoppjat b'karga jew spettroskopji huma l-iżjed strumenti komuni li jintużaw. L-atmosfera tad-Dinja tinterferixxi kemxejn mal-osservazzjonijiet ottiċi, għaldaqstant jintużaw ottiċi adattivi u teleskopji spazjali biex tinkiseb l-ogħla kwalità possibbli ta' immaġnijiet. F'din il-medda tat-tul tal-mewġ, l-istilel huma viżibbli ferm, u bosta spettri kimiċi jistgħu jiġu osservati biex tiġi studjata l-kompożizzjoni kimika tal-istilel, tal-galassji u tan-nebuli.
  • L-astronomija ultravjola, tar-raġġi X u tar-raġġi gamma tistudja proċessi enerġetiċi ħafna bħall-pulsars binarji, il-ħofor suwed, il-manjetars u bosta oħrajn. Dawn it-tipi ta' radjazzjoni ma jippenetrawx l-atmosfera tad-Dinja sew. Hemm żewġ metodi li jintużaw għall-osservazzjoni ta' din il-parti tal-ispettru elettromanjetiku — it-teleskopji bbażati fl-ispazju u t-teleskopji Cherenkov tal-immaġnijiet ibbażati fuq l-art (IACT). Xi eżempji ta' osservatorji tal-ewwel tip huma l-RXTE, l-Osservatorju Chandra tar-Raġġi X u l-Osservatorju Compton tar-Raġġi Gamma. L-eżempji tal-IACTs huma s-Sistema Sterjoskopika b'Enerġija Kbira (H.E.S.S.) u t-teleskopju MAGIC.

Apparti r-radjazzjoni elettromanjetika, ftit affarijiet jistgħu jiġu osservati mid-Dinja li joriġinaw minn distanzi kbar. Inbnew ftit osservatorji tal-mewġ gravitazzjonali, iżda l-mewġ gravitazzjonali diffiċli ħafna biex jiġu individwati. L-osservatorji Neutrino nbnew ukoll, primarjament għall-istudju tax-xemx. Ir-raġġi kożmiċi li jikkonsistu minn partikoli ta' enerġija kbira ħafna jistgħu jiġu osservati meta jolqtu l-atmosfera tad-Dinja.

L-osservazzjonijiet jistgħu jvarjaw ukoll fl-iskala tal-ħin tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-osservazzjonijiet ottiċi jdumu minuti sa sigħat, għaldaqstant fenomeni li jinbidlu iktar malajr minn hekk ma jistgħux jiġu osservati. Madankollu, id-data storika dwar xi oġġetti hija disponibbli, u tmur lura sekli jew millenji. Min-naħa l-oħra, l-osservazzjonijiet bir-radju jistgħu jħarsu lejn avvenimenti fuq skala tal-ħin tal-millisekondi (pulsars tal-millisekondi) jew jikkombinaw snin ta' data (l-istudji tad-deċellerazzjoni tal-pulsars). L-informazzjoni li tinkiseb minn dawn l-iskali tal-ħin differenti hija differenti ħafna.

L-istudju tax-xemx għandu post speċjali fl-astrofiżika osservazzjonali. Minħabba d-distanza enormi tal-istilel l-oħra kollha, ix-xemx tista' tiġi osservata b'dettall uniku meta mqabbel ma' kwalunkwe stilla oħra. Il-fehim tax-xemx iservi bħala gwida għall-fehim ta' stilel oħra.

Is-suġġett ta' kif l-istilel jinbidlu, jew l-evoluzzjoni stellari, spiss huwa mmudellat bit-tqegħid ta' varjetajiet ta' tipi ta' stilel fil-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fid-dijagramma ta' Hertzsprung–Russell, li tista' titqies bħala r-rappreżentazzjoni tal-istat ta' oġġett stellari, mit-twelid sal-qerda.

Astrofiżika teorika

[immodifika | immodifika s-sors]

L-astrofiżiċi teoriċi jużaw varjetà wiesgħa ta' għodod li jinkludu l-mudelli analitiċi (pereżempju, il-politropi għall-approssimizzazzjoni tal-imġiba ta' stilla) u s-simulazzjonijiet numeriċi komputazzjonali. Kull għodda għandha xi vantaġġi. Il-mudelli analitiċi ta' proċess ġeneralment ikunu aħjar biex jagħtu ħjiel dwar il-qalba ta' x'inhu jiġri. Il-mudelli numeriċi jistgħu jiżvelaw l-eżistenza ta' fenomeni u ta' effetti li kieku ma jkunux viżibbli mod ieħor.

It-teoriċi fl-astrofiżika jagħmlu ħilithom biex joħolqu mudelli teoriċi u jifhmu l-konsegwenzi osservazzjonali ta' dawk il-mudelli. Dan jgħid biex l-osservaturi jfittxu d-data li tkun tista' tirrifjuta mudell jew tgħin fl-għażla bejn diversi mudelli differenti jew kunfliġġenti.

It-teoriċi jippruvaw ukoll jiġġeneraw jew jimmodifikaw mudelli biex iqisu data ġdida. Fil-każ ta' inkonsistenza, it-tendenza ġenerali hi li jippruvaw jagħmlu modifiki minimi fil-mudell skont id-data. F'xi każijiet, ammont kbir ta' data inkonsistenti maż-żmien jaf twassal għall-abbandun totali ta' mudell.

Is-suġġetti studjati mill-astrofiżiċi teoriċi jinkludu d-dinamika u l-evoluzzjoni stellari, il-formazzjoni u l-evoluzzjoni tal-galassji, il-manjetoidrodinamika, l-istruttura fuq skala kbira tal-materja fl-univers, l-oriġini tar-raġġi kożmiċi, ir-relattività ġenerali u l-kożmoloġija fiżika, inkluż il-kożmoloġija lineari u l-fiżika tal-astropartikoli. L-astrofiżika relattivistika sservi bħala għodda biex jitkejlu l-proprjetajiet tal-istrutturi fuq skala kbira li għalihom il-gravitazzjoni taqdi rwol sinifikanti fil-fenomeni fiżiċi investigati u sservi bħala l-bażi għall-fiżika tal-ħofor suwed u għall-istudju tal-mewġ gravitazzjonali.

Xi teoriji u mudelli studjati u aċċettati b'mod wiesa' fl-astrofiżika, issa inklużi fil-mudell ta' Lambda-CDM, huma l-Big Bang, l-inflazzjoni kożmika, il-materja skura, l-enerġija skura u t-teoriji fundamentali tal-fiżika.

Storja u astronomija teorika

[immodifika | immodifika s-sors]

Storikament, meta l-astronomija kienet limitat għall-astrometrija u għall-astronomija osservazzjonali, il-qasam tal-mekkanika ċelestjali (MĊ) kien imsejjaħ astronomija teorika. Hipparchus ta kontributi fundamentali lill-qasam permezz tal-iżvilupp ta' sistema ġeometrika tal-osservazzjoni numerika. Madankollu, Isaac Newton jitqies bħala l-fundatur tal-qasam permezz tal-iżvilupp tal-kalkolu u tal-liġi tal-gravitazzjoni universali, u l-biċċa l-kbira tal-qasam huwa bbażat fuq il-liġijiet ta' Kepler taċ-ċaqliq planetarju. Theodor von Oppolzer wessa' x-xogħol fuq il-MĊ u l-astronomija ġeodetika fi ħdan il-qasam fl-Università ta' Vjenna fl-aħħar tas-seklu 19. Ftit wara l-iskoperta tal-istilel varjabbli ta' Cepheid, it-teoriċi xeħtu l-attenzjoni tagħhom mill-MĊ u l-ġeodeżija għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi teoriċi għall-kompożizzjoni u għall-fiżika interna tal-istilel.

Il-qasam imbagħad twessa' biex jinkludi oqsma oħra bħall-kożmoloġija, il-fiżika tal-plażma u l-idrodinamika. Fl-Iżvezja fil-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20, Svein Rosseland iffinanzja l-Istitut tal-Astrofiżika Teorika, li fetaħ fl-1934, biex javvanza dak li skontu kien żviluppa fi xjenza separata. Fl-1966, grupp żgħir ta' astronomi mmexxija minn Fred Hoyle stabbilixxa l-Istitut tal-Astronomija Teorika fl-Università ta' Cambridge biex it-teoriċi jkunu jistgħu jiffukaw għalkollox fuq ir-riċerka komputazzjonali mingħajr l-ebda responsabbiltà ta' tagħlim. Minkejja li l-astronomija teorika u l-astrofiżika teorika kienu qed jintużaw b'mod interskambjabbli matul is-seklu 20, il-korsijiet tal-università msejħa "astronimija teorika" kien jgħallmu l-MĊ b'mod esklużiv. Fl-1985, l-Università ta' Virginia, li kienet tospita l-ikbar refrattur fid-dinja li kien jintuża primarjament mill-Osservatorju Navali tal-Istati Uniti, fetħet l-Istitut tal-Astronomija Teorika ta' Virginia biex jospita r-riċerka kemm fl-astronomija teorika kif ukoll fl-astrofiżika teorika.

L-astronomija teorika moderna hija l-użu ta' għodod matematiċi u komputazzjonali għall-immudellar u għat-tbassir taċ-ċaqliq tal-oġġetti astronomiċi. Fil-kurrikulu tal-astronomija, l-astronomija teorika tintuża flimkien ma' tekniki osservazzjonali, u mingħajr ma jitqiesu flimkien, il-qasam kieku ma jitqiesx xjenza. Dan kien fundamentali fil-qasam tax-xjenza planetarja.

Popolarizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-għeruq tal-astrofiżika jmorru lura għas-seklu 17 meta feġġet il-fiżika unifikata, fejn l-istess liġijiet kienu japplikaw għall-isferi ċelestjali u terrestri. Kien hemm xjenzati li kienu kkwalifikati fil-fiżika u fl-astronomija li stabbilew pedamenti soda għax-xjenza attwali tal-astrofiżika. Fiż-żminijiet moderni, l-istudenti għadhom jiġu attirati lejn l-astrofiżika bis-saħħa tal-popolarizzazzjoni tagħha mis-Soċjetà Astronomika Rjali u edukaturi notevoli bħall-professuri prominenti Lawrence Krauss, Subrahmanyan Chandrasekhar, Stephen Hawking, Hubert Reeves, Carl Sagan u Patrick Moore. L-isforzi tax-xjenzati bikrin, tal-imgħoddi u tal-preżent għadhom jattiraw liż-żagħżagħ għall-istudju tal-istorja u tax-xjenza tal-astrofiżika. L-ispettaklu televiżiv The Big Bang Theory popolarizza l-qasam tal-astrofiżika mal-pubbliku ġenerali, u kien jinkludi xi xjenzati magħrufa sew bħal Stephen Hawking u Neil deGrasse Tyson.

  1. Maoz, Dan (2016). Astrophysics in a Nutshell. Princeton University Press. p. 272. ISBN 978-1400881178.
  2. "Definition of ASTROPHYSICS". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-16.